
Nyctophilia ta’ Daniel Schembri jġib miegħu stil ġdid fil-letteratura Maltija. Dan huwa rumanz b’influwenzi letterarji ta’ Camus u Bukowski u b’estetika oskura li tħares lejn u timmedja fuq id-dekadenza. Fix-xenarju letterarju Malti temi bħal dawn huma rari, jekk mhux kważi ineżistenti, u x-xogħol ta’ Schembri jispikka wkoll bħala wieħed provokattiv. Mhumiex komuni l-okkażjonijiet letterarji Maltin fejn niffukaw ħafna fuq id-dekadenza, l-kruha u l-mewt bħala t-temi prinċipali tar-rumanz.
It-titlu tal-ktieb innifsu jissuġġerixxi l-imħabba għal-lejl u dak kollu li hu mudlam. Madankollu, din ir-referenza mhijiex magħmula biss għall-estetika, imma anke bħala metafora importanti għall-ktieb għax l-essenza vera tar-rumanz tevolvi madwar id-dlamijiet tar-ruħ. F’dawn id-dlamijiet l-awtur jittratta dilemmi morali li jqanqlu ħafna anatagoniżmu mis-soċjetà. In-narrattiva tevolvi b’referenza lejn l-orrur tal-ġisem, l-aspetti fluwidi u versatili tal-bniedem, l-aspetti vixxerali tas-sess, il-mard u kif ukoll il-mewt.
Il-mard u s-sofferenza li jġib miegħu, kemm fiżiku kif ukoll psikoloġiku, huwa preżenza konstanti fil-ħajja tal-karattri tar-rumanz. Is-sofferenza tal-karattri ġġib magħha l-assurdita fl-eżistenza, speċjalment quddiem l-immensità tal-kosmos fejn il-karattru prinċipali jesperjenza l-indifferenza tal-univers u għalhekk damn iqajjem mistoqsijiet dwar il-mortalità tal-bniedem.
L-esplorazzjoni ta’ dan il-ktieb tad-dekadenza u l-aspetti oskuri tal-eżistenza toffri esperjenza ta’ qari unika fil-letteratura Maltija fen is-soltu insibu ċelebrazzjoni tal-ħajja. Dan ir-rumanz iservi bħala tifkira li l-letteratura għandha s-setgħa li tikkonfronta veritajiet skomdi u tesplora temi meqjusin tabù, speċjalment quddiem l-aspettattivi u n-normi tas-soċjetà fuq il-ħajja u l-mewt.
Leave a Reply