
Għax id-Drogi Sbieħ ta’ Marie Gion huwa ġabra ta’ poeżiji ta’ ribelljoni li jitrattaw temi kontemporanji bħal kultura tad-droga, is-sesswalità u s-saħħa mentali. Hekk kif kien stampat l-ewwel darba fl-2013, Dar Camilleri ħasbet biex tiċċelebra l-għaxart anniversarju mill-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktejjeb biex tkompli żżid mal-kollezzjoni ta’ letteratura mqarba.
Il-qoxra psikadelika tal-ktieb, impenġija minn Daniel Muscat, tagħti ħjiel ċkejken tal-kontenut. Il-poeżiji jittrattaw ir-ribelljoni permezz tas-sess u d-drogi u jidħlu fl-irkejjen moħbija tax-xewqat tal-pjaċir fiż-żgħożija u l-adoloxxenza. Il-vuċi hija waħda żagħżugħa wkoll u tipprova tifhem dak li ikun għaddej fil-psike tagħha.
Il-versi ta’ Gion jirromantiċizzaw l-iljieli mal-ħbieb fil-bandli tar-raħal u jmur kontra t-tabù billi f’din in-nostalġija tissemma d-droga. F’din in-nostalġija tal-poeta, isseħħ ukoll esplorazzjoni sinċiera li teżamina mill-qrib l-aspetti tabù tal-ħajja umana u t-taqlib emozzjonali li jista’ jirriżulta mix-xewqat personali. Dan huwa kontenut letterarju li jmur kontra ħafna mill-kontenut letterarju Malti ta’ qabel li tkellem b’konsistenza kontra d-drogi fiż-żgħożija (Lino Spiteri, Ħela taż-Żgħożija, u Frans Sammut, Paceville). B’dan il-mod, il-ktieb ta’ Marie Gion kien pijunier għal attidunijiet ġodda fil-letteratura lokali fuq id-droga, speċjalment meta tqis il-pubblikazzjoni, snin wara, ta’ A Rent Seeker’s Paradise ta’ Mark Camilleri.
Il-ktieb ta’ Gion, aktar milli ribelljoni jista’ jitqies ukoll bħala diskors empatiku. L-attitudni onesta tal-ktieb fuq suġġetti bħas-sesswalità u l-pjaċir tad-drogi jisfida lill-qarrej biex jikkonfronta l-preġudizzji. Iservi bħala tfakkira li l-esperjenzi umani huma diversi u kumplessi, u l-empatija hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet esplorati fil-ktieb. Apparti minn hekk, il-qarrejja jistgħu jistennew ġabra ta’ poeżiji li jisfidaw in-normi tas-soċjetà, jesploraw il-konsegwenzi tal-użu tad-droga u jidħlu fil-kumplessitajiet tax-xewqat tal-bniedem.
Bla dubju tibqa’ tiddomina l-influwenza ta’ Irvine Welsh fuq ħafna kittieba Maltin u l-ktieb ta’ Marie Gijon joħroġ f’dan il-kuntest ta’ qari. Din hija influwenza li għadha qed tiżviluppa u titkattar u naraw ħafna minnha fil-bċejjeċ li ġew ippubblikati f’L-Antoloġija tal-Letteratura Mqarba. Il-ktieb ta’ Marie Gion narawh bħala kontinwazzjoni kontemporanja tal-letteratura mqarba.
Dan il-ktieb mhux tajjeb għat-tfal.
Interessanti hafna. Grazzi.
Hemm bzonn tassew xejra gdida fll-letteratura Maltija. Naprezza kittieba Maltin li qiedin jifthu toroq godda bhal-sriep.
25 sena ta konservazjoni kattolika li kienet inutli, retrogressiva u destinata li titkisser 20 sena ilu. Sa Dan it-tant ghandek boloh bhal-Adrian Delia u Grech li min’ghalihom tikkuntenta l konservattivi Maltin ha jghin il-karriera taghhom.