
Fl-aħħar ninsab ’il bogħod mill-Pulizija Maltija, l-apparat tiegħi sikur u m’għandix bżonn ċorma avukati biex jgħiduli x’għandi nagħmel. Ħieles biex nikteb ħsibijieti mingħajr riperkussjonijiet effettivi u nista’ nerġa’ nikkonċentra u naħseb fil-kwiet dwar dak li għadu kif ġara. Arja friska… it-togħma ta’ daqsxejn ġustizzja wara snin ta’ ħakma kriminali bla rażan minn dak li suppost kellu jkun il-partit soċjalista. Hawn sempliċiment qed nibdew niftħu bieb fuq dak li jista’ jkun ġejjieni nadif u normali għall-politika Maltija u għal demokrazija msejsa fuq is-saltna tad-dritt. U diġà tinħass dieħla arja friska.
Tabilħaqq, wara snin sħaħ ta’ gideb f’wiċċna, il-politiċi korrotti li ħafna drabi jogħxew fil-korruzzjoni u fil-ħniżrijiet – “rent-seeking”– u li tgħidx kemm tnejku bina minn wara daharna, issa qed iduqu l-mediċina morra tagħhom stess. Kemm hi sabiħa l-verità sħiħa, pura u ċara, meta għal snin sħaħ l-unika verità li kellna kienet in-narrattiva tal-propoganda ffabbrikata minn partit kriminali. Għal snin sħaħ għexna bil-gideb tagħhom, bin-narrattivi foloz tagħhom u bil-qerq tagħhom, u issa l-kastelli qed jibdew jiġġarrfu hekk kif il-verità qed ntemmgħuhielhom ma’ ħalqhom bħal blalen tat-tajn li jeħel. Ħafna minn dawn li qraw iċ-chats bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech ħadu gost għal din ir-raġuni sempliċi: mhux għax skandalizzaw ruħhom bil-korruzzjoni, u lanqas għax rawhom divertenti. In-nies diġà kienu jafu li Rosianne u Yorgen kienu jimpaċikaw flimkien, iżda Rosianne ċaħdet dan u kellha s-setgħa li tiċħad għax l-evidenza, fl-agħar każ, kienet sparpaljata. Imm’issa li nafu l-istampa kollha, ħadd ma jista’ jiċħadha. Silta żgħira miċ-chats ma kienet tkun qatt biżżejjed. U kien ikun eżerċizzju redikolu kieku ċ-chats ġew editjati għax kieku jitilfu l-iskop tal-pubblikazzjoni tagħhom. Din hija l-verità pura u sħiħa, kollha kemm hi, mingħajr l-iċken lok potenzjali għal miżinterpretazzjoni jew narrattivi relattivi. Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar ma kinux biss f’relazzjoni intima flimkien, iżda kienu f’konfoffa kriminali fid-dinja tan-negozju u l-politika. Kienu jħobbu lil xulxin, u kienu jħobbu jikkonfoffaw flimkien filwaqt li jħokku dahar xulxin biex jirnexxu fin-negozju u l-politika. Il-korruzzjoni pura mħallta mal-emozzjonijiet, il-ħruq tas-sess, ir-regħba, il-kilba għall-poter… kollha hemm qegħdin. Eżempju klassiku fil-psikoloġija tal-psikożi u l-ħażen. U n-nies qed jifirħu għax il-politiċi maħmuġin ma jistgħu jiċħdu l-ebda waħda minnhom. M’għandna nuru l-ebda simpatija għall-psikopatiċi li volontarjament u konxjament jagħmlu ħsara lis-soċjetà. Għal dawk li jixtiequ jaraw stampa aktar ċara u fil-qosor ta’ dak li żvelaw iċ-chats jistgħu jaqraw dan l-artiklu eċċellenti tat-Times of Malta.
Ejja nifhmu l-kuntest kollu tal-aktar ħaġa importanti. Yorgen Fenech qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ġurnalista li kixfet il-korruzzjoni tiegħu mal-ogħla membri tal-Gvern Laburista fl-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat. L-aktar skandaluż hu l-fatt li Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar qasmu bejniethom informazzjoni sensittiva dwar id-deċiżjonijiet tal-Kabinett, u allura bilfors li jkollna nistaqsu… xi staqsieha iżjed Yorgen Fenech lil Rosianne? Dan importanti li nsiru nafuh. Iċ-chats joħorġu fid-dieher aspett wieħed biss tal-istorja bejn Rosianne u Yorgen, u dak hu l-aspett li ġie rreġistrat b’mod partikolari fuq il-Whatsapp. Madankollu, ma nafux x’qalu lil xulxin Yorgen u Rosianne bil-fomm, lil hinn miċ-chats. La Yorgen kellu l-wiċċ jitlob l-informazzjoni mingħand Rosianne bil-miktub fuq il-Whatsapp, ma kellux il-wiċċ ukoll li wiċċ imb wiċċ jistaqsiha għal tagħrif aktar sensittiv? U jekk kienet tħobbu tant, probabbilment ma kinitx tgħinu jikseb dik l-informazzjoni? Ma naħsibx li ħafna nies għadhom irrealizzaw kemm hi serja din l-istorja u kemm kien importanti li ċ-chats jiġu ppubblikati kollha kemm huma. Għandna verżjoni sħiħa u bla ċensura ta’ waħda mill-biċċiet fil-puzzle ta’ Joseph Muscat u l-mafja Laburista. Hemm ħafn’aktar biċċiet tal-puzzle li jeħtieġ jiġu żvelati. Għall-istoriċi futuri, din hija teżor, tiswa mitqlu deheb.
Il-Prim Ministru Robert Abela għandu perspettiva differenti, naturalment, iżda l-fehma tiegħu hi sempliċiment riżultat ta’ prekundizzjonijiet. Robert iddefenda lil Rosianne Cutajar u kkundanna lill-Partit Nazzjonalista u lill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, talli suppost assoċjaw miegħi. Għall-ewwel darba lil Robert Abela qed narah beżżiegħ u anzjuż, filwaqt li kliemu qed juri d-dgħjufijiet tar-renju tal-kunfidenza tiegħu. Dan l-istress qed jimlieh frustrazzjoni ċara għax qed jinduna li l-poter qed jaħrablu minn idejh. Aktarx dan qed jaffettwah personalment wisq, inkazzat li m’għandux l-istatus ta’ superstar meta mqabbel ma’ avversarju politiku potenzjali li kapaċi taħartu. M’għandix farka dubju li jgħir għal Roberta Metsola li rnexxielha tisraq l-attenzjoni kollha waqt ikla tal-komunità tan-negozju Maltija, u li kellha wħud mill-aqwa awturi Maltin qed jikkjujaw biex jieħdu r-ritratti magħha. Qalulna li hija misoġenija li wieħed jiżvela l-psikopatija ta’ politikanta korrotta Laburista f’konfoffa mal-allegat qattiel ta’ ġurnalista. Iżda din id-darba, hekk kif ir-reddiena elettorali qed titbiegħed mil-Labour, Robert qed jagħmlilna pjaċir kbir li ħareġ jappoġġa lil Rosianne b’narrattiva xokkanti dwar il-femminiżmu. Għandi wkoll dubji serji dwar jekk Roberta Metsola u l-Partit Nazzjonalista jaċċettawx li jissejħu “assoċjati tiegħi”, iżda dan hu attakk verbali tipiku ta’ dittatur. B’mod konvenjenti, tal-Labour jużaw il-prinċipji morali aċċettati mill-maġġoranza biex jgħattu l-ħażen u l-korruzzjoni, eżatt bħalma għamlu bil-pinkwashing tal-libertajiet ċivili.
Kuntent ukoll li Rosianne Cutajar se tibqa’ fil-Parlament u li n-“Nisa Laburisti” – organizzazzjoni li s-sempliċi eżistenza tagħha tixhed il-misoġenija Laburista – ħarġu jiddefenduha. Il-qarrejja tal-blog tiegħi aktarx jiftakru l-fehma tiegħi dwar kif il-Partit Laburista jħares lejn is-soċjetà llum: soċjetà ċinika mmexxija purament minn interessi materjali u li ma jimpurtahiex mill-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Minn naħa, dan hu minnu għax ħafna partitarji Laburisti hekk huma, iżda Malta għandha wkoll realtà oħra, jiġifieri r-realtà tal-maġġoranza tal-Maltin li ma jappoġġawx lill-Gvern Laburista. U billi jżomm lil Rosianne fil-politika, Robert qed iħaffer il-qabar tal-Partit Laburista aktar fil-fond u eventwalment qed jagħmilha aktar diffiċli li joħroġ minnu. Robert Abela qed jagħmilha assolutament ċara mad-dinja kollha li l-Partit Laburista hu organizzazzjoni kriminali. Hekk kif l-elettorat Malti qed juri li xeba’ sa griżmejh u li jrid ineħħi lill-Partit Laburista mill-poter, ftit li xejn baqgħalhom żmien biex joħolqu narrattivi ġodda. L-imperatur spiċċa għarwien ħuta. Issa li l-Labour jinsab f’paniku u ddisprat, se jmur fuq l-offensiv. Din hi r-raġuni għalfejn fl-aħħar Robert ħa l-briga li jattakka lili direttament.
Meta Robert Abela rnexxielu jikseb is-siġġu tal-poter, dan kien ġara bil-patt u l-kundizzjoni li jagħti l-impunità lil Joseph Muscat u lil sħabu, u sal-lum Robert Abela rnexxielu ħafna jagħmel dan. Saħansitra qed jirnexxilu wkoll jissokta bil-patt imxajtan billi jħalli lil Rosianne Cutajar fil-Parlament. Fil-fatt, dan il-patt tant qed jaħdem tajjeb li għalkemm dawn iċ-chats jistgħu u setgħu jintużaw bħala evidenza biex jinkriminaw lil Rosianne Cutajar fuq diversi reati, sal-lum Rosianne għadha qatt ma ġiet akkużata, lanqas għal evażjoni tat-taxxa, tixħim, jew konfoffa kriminali. U dan hu punt importanti ieħor ta’ din l-istorja. Bil-pubblikazzjoni ta’ dawn iċ-chats, nafu li l-pulizija għandhom evidenza li biha jistgħu jinkriminaw lil Rosianne Cutajar iżda sal-lum għadhom ma ressquhiex. Għall-inqas in-nies mhumiex idjoti u kulma jmur qed jindunaw dejjem aktar li l-impunità qed tirrenja u li l-Partit Laburista hu organizzazzjoni kriminali li taqdi lilha nnifisha bil-Korp tal-Pulizija jaħbilha u jgħattilha.
Il-misoġenija ta’ din l-istorja mhijiex il-paroli sesswali u stupidu bejn din il-koppja kriminali. Il-misoġenija ta’ din l-istorja hija li Joseph Muscat u Keith Schembri użaw tfajla attraenti għat-tgawdija ta’ raġel f’konfoffa kriminali magħhom. Nissorprendi ruħi li n-nies huma tant innoċenti li mhux qed jifhmu l-kuntest kollu tad-dinamika tal-poter f’din l-istorja. Rosianne Cutajar hi sempliċiment pedina li qed tintuża volontarjament u konxjament (mhijiex innoċenti!), u Yorgen qed jużaha biss għall-iskopijiet tiegħu, filwaqt li dan qed jitħalla għaddej biex jinqdew l-interessi tal-persuni fl-ogħla karigi tal-poter politiku. Biex in-nies jifhmu l-kuntest kollu ta’ dawn iċ-chats, iridu jaħsbu f’organizzazzjoni kriminali. Kemm nixtieq li Daphne għadha magħna biex tispjega dan kollu ferm aħjar minni. Hi kienet kapaċi tispjega dan tajjeb ħafna, u llum qed nipprovaw nitilgħu fuq rasha biex naslu għall-ġustizzja. Infatti, kienet Daphne il-vittma ta’ misoġenija u mibegħda kontinwa mill-Partit Laburista, u mhux Rosianne. Rosianne mhijiex vittma, hi ħażen. Tiftakru jekk qattx in-“Nisa Laburisti” ħarġu stqarrijiet dwar il-misoġenija li batiet Daphne mill-Partit Laburista? Jien ma niftakarx.
Dawk li ma ferħux bil-pubblikazzjoni taċ-chats qed jippruvaw jixħtu l-attenzjoni fuqi, iżda jien m’iniex is-suġġett f’din l-istorja; jien sempliċiment oġġett li spiċċajt f’dawn iċ-ċirkostanzi bla ma qatt stennejt. Uħud qed jgħidu li jien kien messni għamilt hekk jew messni għamilt hekk minflok, iżda fl-aħħar mill-aħħar, jien la jien xi supereroj u lanqas perfett. L-iskop oriġinali tiegħi kien li nippubblika l-verità. Imbagħad ġejt sfidat b’kawża ta’ libell minn Rosianne Cutajar li użat l-istatus u l-poter tagħha fil-Partit Laburista biex issikkitni. Jien m’iniex persuna vjolenti u nemmen fis-saltna tad-dritt u nħobb ukoll il-proċess legali u tal-qorti; u għalhekk dak li se nikteb issa hu figurattiv fir-rigward ta’ dan il-kuntest. Se nżomm kelmti meta ngħid li kull politiku korrott jew kull min hu involut remotament fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li jiftaħ kawża ta’ libell kontrija, se nkun qed niknes l-art bih, nitliflu l-qaleb u l-ġbejna, infottilu l-karriera politika tiegħu u se niżgura li eventwalment jispiċċa l-ħabs. Ma tagħmillix differenza jekk ikunx mara, raġel jew bla ġeneru: jien nagħti opportunitajiet indaqs lil kulħadd, u se niżgura li nkissrek int min int, u ġej minn fejn ġej. U biex tkun taf, ir-rieda tiegħi li nirrovinalek kollox hija tant kbira li lest neħodha personali għax, wara kollox, jien tlift posti fil-partit u fil-gvern minħabba fik. Ħuduni bis-serjetà għax din mhix logħba, imma serja ħafna l-biċċa!
Leave a Reply