
Il-filosofija bil-Malti hija rari u kważi ma ssibha mkien, u b’hekk meta jfeġġ xi test ta’ filosofija bil-Malti, hija skuża tajba għalċelebrazzjoni, iktar u iktar jekk it-test ikun tajjeb. Lestu ruħkom għat-tazzi tal-inbid, id-diskussjonijiet, l-intervisti u l-podcasts għax reċentament, Malti ħareġ test filosofiku li huwa wkoll relevanti għaż-żminijiet partikolari li Malta għaddejja minnhom. It-test voluminuż ta’ Alan Xuereb, Riflessjonijiet dwar il-ġid komuni, huwa teżi ddettljata ta’ x’inhu l-ġid komuni, b’kummentarju ddettaljat fuq is-sitwazzjoni politika Maltija u l-kriżi tal-ġid komuni Malti.
Xuereb jiddefinixxi l-ġid komuni bħala l-istat tas-soċjetà meta kulħadd jista’ jilħaq il-potenzjal tiegħu b’aċċess ugwali għal beni pubbliċi (li allura mbagħad isiru komuni): dan il-potenzjal jintlaħaq permezz tal-parteċipazzjoni fis-soċjetà b’mod ekonomiku, politiku, kulturali u modi oħrajn f’sistema politika ġusta. GħalXuereb l-emfasi fuq il-parteċipazzjoni tal-persuna fis-soċjetà hija kruċjali biex tispjega għal dak li jista’ jwassal soċjetà ġusta u din il-parteċipazzjoni għandha kemm l-obbligi u l-benefiċċji. Xuereb jibda billi jgħid li l-ġid komuni jintlaħaq biss meta il-persuna fis-soċjetà tagħmel l-ewwel pass tagħha biex taqdi l-obbligi qabel tippretendi xi benefiċċju. Il-ġid komuni ma’ jistax jintlaħaq fis-soċjetà jekk kulħadd jiċħad l-obbligi u lanqas jista’ jintlaħaq fis-sħiħ jekk is-sistema politika qiegħda tiffavorixxi xi klassi jew individwu partikolari minn oħrajn bħal f’każ estrem: monarkija jew dittatura. Il-ġid komuni tal-lum huwa riżultat ta’ snin ta’ żvillupp ta’ ċivilizazzjoni, ħsieb, medjazzjoni, kunflitti u diskussjonijiet u Xuereb jiddiskuti numru ta’ filosofi li ttrattaw dan is-suġġett inkluż Platun u Aristotli, Santu Wistin, San Tumas ta’ Akwinu, John Locke, Edmund Burke, Hegel, Karl Marx, John Rawls u oħrajn. B’mod partikolari, Xuereb huwa influwenzat ħafna mill-filosofija ta’ John Finnis li tipproponi s-saltna tad-dritt bħala sistema politika li twassal għall-ġustizzja.
Insomma, għala għandna naqraw din il-filosofija bil-Malti meta nistgħu naqraw mal-ewwel it-testi li minnhom l-awtur ġie influwenzat bl-Ingliż jew saħansitra l-lingwa oriġinali tagħhom? Dan il-ktieb huwa interessanti għax it-teżi tiegħu fuq il-ġid komuni hija miktuba fil-kuntest u anke b’referenza diretta lejn il-kriżi tas-saltna tad-dritt f’Malta u dan il-kuntest huwa propju interessanti għall-fatt li l-filosofija tal-awtur, influwenzata minn John Finnis, tiffoka ħafna fuq il-kunċett tas-saltna tad-dritt. Xuereb jikkritika fejn Malta marret ħażin fis-saltna tad-dritt u bla dubju jagħmel kritika lejn il-Partit Laburista u l-gvern imma ma jieqafx hemm. Xuereb jagħmel kritika wkoll lill-Partit Nazzjonalista u lin-Nazzjonalisti fil-proposti tiegħu għal x’jista’ jsir.
L-akbar kritika ta’ Xuereb lejn in-Nazzjonalisti, probabbli hija l-kritika lejn l-egoċentriżmu ta’ min irid jinvolvi ruħu fil-politika: marda li għall-Xuereb għamlet danni kbar għall-potenzjal ta’ oppożizzjoni politika effettiva kontra l-gvern. Xuereb jirrikonoxxi l-fatt li n-Nazzjonalisti qed jiġġieldu avversarju potenti ħafna iktar minnhom, iżda jemfassizza li kontra dan l-avversarju jrid kun hemm għaqda politika li tittraxxendi l-antipatiji personali u saħansitra dawk ideoloġiċi. Xuereb, hawn hekk, jieħu l-irwol ta’ filosofu pubbliku, xi ħaġa rari bħalissa fil-politika Maltija, iżda żgur li tista’ kun utli immens f’baħar ta’ propaganda u informazzjoni qarrieqa tal-gvern u l-Partit Laburista li tkompli iċċajpar ir-realtijiet u tnaqqas id-diskors kritiku b’mod opportunist.
Dan huwa ktieb importanti għal kull min irid jifhem il-kriżi tal-politika Maltija mil-lenti filosofika. Apparti minn hekk, dan huwa ukoll ktieb li storjografikament jiddokumenta filosofija politika dwar Malta fi żmien partikolari. Jien naħseb li huwa ktieb essenzjali għal kull persuna li tieħu l-politika Maltija b’serjetà.
Il-ktieb jinstab għall-bejgħ mis-sit tagħna għall-prezz ta’ €25 biss.
Leave a Reply