
Din hija intervista lil Ġużè Stagno bħala parti mis-sensiela ta’ intervisti lill-awturi ta’ “L-Antoloġija tal-Letteratura Mqarba”. Stagno hwua parteċipi fl-antoloġija permezz ta’ kapitlu mill-ewwel rumanz tiegħu “Inbid ta’ kuljum”, ippubblikat għall-ewwel darba mill-Minima Publishers fl-2001. Dak iż-żmien ir-rumanz ta’ Stagno kien divertenti u xokkanti fl-istess ħin billi preżenta aspetti taż-żgħożija li qabel kienu jiġu trattati fil-letteratura b’mod moralist jew didattiku, bħal eżempju fir-rumanz “Ħala taż-Żgħożija” ta’ Lino Spiteri. Għall-kuntrarju tal-moralisti, fir-rumanz ta’ Stagno l-inċertezza, id-dwejjaq, id-drogi u s-sess fiż-żgħożija jinqraw bħala esperjenza umana u normali għall-kontrarju ta’ xi kriżi morali jew ta’ valuri.
“Inbid ta’ kuljum” kien wieħed mill-ewwel rumanzi Maltin li kellu kliem ħażin miktub b’mod ġenwin kif nużawh fil-ħajja ta’ kuljum u fl-intervista Stagno jirrakkonta fil-qasir l-miġja li ħadet “il-kelma ħażina” fil-letteratura Maltija mindu ħareġ ir-rumanz tiegħu. Iddiskutejna wkoll il-karattru ta’ “Inbid ta’ Kuljum” mill-aspett soċjoloġiku tiegħu anke b’relazzjoni mal-fenomenu ġdid tal-industrija tal-għajnuna lill-irġiel: Jordan Peterson, Andrew Tate u “s-self-help books”. Tkellimna wkoll fuq l-istat tal-artist u l-kittieb Malti mill-asspett ekonomiku tiegħu u r-rikonoxximent internazzjonali.
Any chance of a new book from Stagno? It’s hight time….