Rosianne Cutajar u n-nies komuni

Dan l-artiklu jinkludi dettalji fuq l-istorja tar-rumanz tiegħi ĠAĦAN FL-AQWA ŻMIEN

Il-każijiet li fetħet Rosianne Cutajar kontrija spiċċaw biex esponew il-karattru propju u awtentiku tagħha u wieħed mill-karatteristiċi li esponiet kien l-elitiżmu, ovjament, apparti l-gideb u l-qerq. Il-perspettiva elitista ta’ Rosianne fuq il-politika mhijiex unika jew esklussiva għaliha għax hi fil-fatt perspettiva komuni fil-politiċi tal-Partit Laburista, speċjalment f’Robert Abela. Dawn in-nies jaħsbu li qed jagħmlulna xi pjaċir li qegħdin fil-poter jew li huma r-rigal t’Alla lill-umanita u lill-Maltin.

Rosianne ma tantx għandha għalfejn tiddistingwixxi ruħha minn man-nies komuni: hi qiegħda fil-faxx tal-aktar politiċi medjokri għalkemm dan il-faxx huwa oħxon ukoll, jiġifieri anke fil-ħażen tagħha mhijiex unika u speċjali. Imma Rosianne tħossha speċjali u distingwixxibbli.

L-unika ħaġa li hemm li jiddistingwixxi lil Rosianne mill-politiċi l-oħra, forsi huwa l-gravita tal-korruzzjoni tagħha u n-nuqqas ta’ mistħija fuq dak li għamlet. Mhux biss, imma saħansitra kellha l-ardir li tiftaħli libell u anke rapport kriminali.  Il-poter jitlgħalek għal rasek, speċjalment jekk tkun fqira  u l-unika opportunitajiet f’ħajtek  jiġu meta tuża’ l-politika biex tidħol fi ċrieki ta’ kriminalita għolja fuq livell prim ministerjali u barunijiet li jassassinaw lill-ġurnalisti. Tassew, Rosianne tista’ tirrappreżenta l-falliment ta’ faxx kbir ta’ żgħażagħ li spiċċaw ikkorrempew ruħhom permezz tal-Partit Laburista.

L-Aqwa Żmien ġie b’mewġa ta’ korruzzjoni li ħakem lil kull min kien dgħajjef ma’ wiċċ it-tentazzjoni. Kemm huma sbieħ dawk il-ħamsin elf Ewro talli naqbeż għall-politiku korrott u mhux biss, inħallieh ukoll iħallasli ġita għall-Pariġi u tgħidx kemm litteralment jaħxini ma’ xi flixkun xampanja. L-aqwa żmien, tassew. Xalata ta’ ħażen.

Lil Rosianne tistgħu issibuha b’mod figurattiv fir-rumanz tiegħi Ġaħan fl-Aqwa Żmien. Ħafna nies ma fehmux dan ir-rumanz, u oħrajn li fehmuh daħqu fuq li daħqu. Dawk li m’għoġobhomx qalu li Dustin, il-karattru prinċipali u Ġaħan ta’ żmienna, isib ruħu f’ħafna sitwazzjonijiet strambi. Tassew, hekk hu u eventwalment, Dustin jinduna li ħafna mill-problemi tiegħu kienu tort tiegħu stess. Fl-aħħar isib ir-risposta tal-mistoqsija eterna tiegħu “Għala dejjem nerdgħu jien?”

Ġaħan ta’ żmienna huwa fil-fatt żagħżugħ li malar jaqa’ għall-ħars u l-kliem tal-politikanta Polly Grech (www.pollygrech.com). Dawk li jogħġobhom ĠAĦAN FL-AQWA ŻMIEN, żgur ser ikunu interessati bid-dinamika tal-klassi u l-mobbilta soċjali li tinstab fl-istorja tiegħu. Dustin jiltaqa’ ma’ Polly hekk kif tkun għadha bdiet il-karriera politika tagħha, imma eventwalment, Polly, li tuża’ l-politika għall-gwadann persnali tagħha, tispiċċa tavvanza ħafna iktar ‘il quddiem f’ħajjitha minn Dustin li jgħix f’penthouse bis-saqaf bl-ilma iqattar. Dustin induna b’xi ħaġa oħra li tkun essenzjali biex jifhem il-politika ta’ Malta u din tkun li s-saħħa u l-influwenza ta’ Polly ġejja wkoll kawża ta’ nies bħalu li waqgħu għaliha u appoġġjawa.

Il-lagħqiżmu fis-soċjeta tagħna ġej minn żmienn l-Ingliżi u storikament il-kawżi tiegħu kienu faqar kbir imħallat ma’ injoranza. Illum, il-lagħqiżmu u l-faqar għadhom jeżiżtu għat-tali punt li jagħmlu politiċi bħal Rosianne possibbli. U mhux hekk biss. Il-lagħqiżmu sfrenat wassalt ukoll għall-aċċettazzjoni tal-elitiżmu ta’ nies bħal Rosianne. It-traġedja tan-nazzjon tagħna mhux li Rosianne għamlet li għamlet, imma li għad hawn nies li bil-lagħqiżmu tagħhom jaslu jiġġustifikaw dak li għamlet. Il-Partit Laburista irnexxielu jikkonsolida waħda mill-agħar aspetti tal-kolonjaliżmu Malti: il-faxx tal-elit politiku li jqassam ix-xogħol u l-pjaċiri u dawn huma nies ‘il fuq mil-liġi u minn kulħadd.

1 Trackback / Pingback

  1. Beware those who want to help you – Mark Camilleri

Leave a Reply