
Din hija parti minn sensiea ta’ artikli li qed nikteb fuq il-karattru folkloristiku u letterarju Malti, Ġaħan, b’referenza għall-ktieb tiegħi ĠAĦAN FL-AQWA ŻMIEN.
L-ewwel waħda tista’ issibuha hawn hekk.
Ħadt gost bir-reċensjoni fuq il-ktieb ĠAĦAN FL-AQWA ŻMIEN ta’ James Debono fil-MaltaToday. Debono jaqbad ma’ ħafna punti interessanti imma għaija laqgħat il-likk meta stemma lil Fantozzi għax għandu ħafna karetteristiċi simili bħal ta’ Ġaħan. Fantozzi huwa oħxon, stradikat, sudditu u subordinat. Ta’ spiss jidħol f’sitwazzjonijiet li jagħmuh jidher redikolu, u ħafna drabi mhux għax tort tiegħu, imma hu jistieden l-inkwiet b’idejh ukoll, bħal meta jaqbad joffendi lill-istatwa tal-omm tad-direttur fil-post tax-xogħol quddiem in-nies.
Bħal Dustin, il-Ġaħan tal-Aqwa Żmien, Fantozzi wkoll ikollu mumenti ta’ ribelljoni għaliex it-tnejn li huma okkażjonament taqbżilhom. Fil-każ ta’ Dustin, taqbiżlu meta jara c-chats ta’ Polly ma’ Derrick, filwaqt li Fantozzi, l-mumenti ta’ ribelljoni tiegħu huma varji, imma dan anke għaliex il-korpus ta’ Fantozzi huwa ħafna akbar u probabli jekk nikteb aktar kotba fuq Dustin ser ikollu mumenti ġodda ta’ ribelljoni. Fantozzi saħansitra, jkollu l-mument revoluzzjonarju tiegħu wara li jiltaqa’ ma’ kommunist fuq il-post tax-xogħol u jintroduċieh għal-letteratura kommunista. L-istorja ma tantx tispiċċa tajjeb b’Fantozzi jidħol f’qoxortu meta jiltaqa’ mal-“Mega Direttore Galattico” wara li jgaralu ġebla fit-tieqa tal-uffiċċju tiegħu. Wiċċ imb wiċċ mad-direttur tiegħu Fantozzi tmurlu l-arja kollha u jerġa sir is-sudditu li kien qabel. Addio letteratura kommunista.
Kemm Dustin u Fantozzi għandhom ħafna mill-problemi tagħhom ġejjin mill-istess karatteristiċi u dawn huma l-apatija u l-kompjaċenza: it-tnejn li human jħobbu jintgħoġbu u sabiex jagħmlu dan huma jservu. Is-serviliżmu konvenjenti li jħalli l-fridge mimlija, imma li f-istess ħin jista’ saħansitra jwassal għall-banalita tal-ħażen. Ċarament, kemm Fantozzi u Dustin huma karattri li kapaċi jagħmlu affarijiet ħżiena dovut għas-serviliżmu tagħhom. Fil-fatt, Fantozzi ta’ spiss jesebixxi karatteristiċi ħżiena. Eżempju, Fantozzi jipprova jeqlibha lil mara kemm ‘il darba u dan minkejja li martu tkun tħobbu ħafna u li l-mara li jiġri warajha ma’ ttiehx wiċċ. Fantozzi għandu karatteristiċi ta’ opportunist bla prinċipji u r-raġuni li ma jagħmilx azzjonijiet ħżiena kbar huwa dovut għall-fatt li Fantozzi mhuwiex ta’ karattru b’saħħtu u ma’ jħobbx jieħu riskju. Kemm Fantozzi u Dustin iridu l-ħajja bl-imgħarfa, imma fl-istess ħin iridu l-aqwa privileġġi. Eventwament, it-tnejn li huma jibda jkollhom mumenti fejn jindunaw li l-aġir tagħhom mhuwiex ta’ ġid għalihom jew korrett, imma t-tnejn li human qisu jibqgħu dejjem fl-istess ċirku vizzjuż ta’ serviliżmu, faqar u aljenazzjoni.
Kemm Dustin u Fantozzi jgħixu f’ambjent kapitalist fejn il-flus jistgħu jsiru minn sfruttar u anke qerq sfaċċat. L-isfond kapitalista taż-żewġ karattri ma tantx jgħinhom biex isibu triq ġdida, iżda din it-triq qatt ma’ tkun impossibbli l-anqas. Il-karriera ta’ Fantozzi bħala kommunist tispiċċa ħesrem meta jiltaqa’ mad-direttur u jċedi l-armi mal-ewwel, filwaqt li Dustin ifotti l-opportunitajiet tiegħu fis-suq tal-crypto minħabba ir-regħba tiegħu. It-tnejn li huma jafu ikunu empatiċi u kritiċi, u t-tnejn li huma jafu jesprimu din l-empatija, iżda ħafna drabi jagħżlu li jibqgħu silenzjużi, kompjaċenti u iffukati biss fuq l-immedjat: li fl-aħħar minn l-aħħar il-fridge tkun mimlija.
Qisu li Fantozzi u Dustin, allura, mhumiex biss karattri individwali, eċċentriċi u uniċi, iżda aktar qishom xempju estrem tal-persuna komuni fis-soċjeta. F’dawn iż-żewġ karattri qisu li joħorġu uħud mill-agħar aspetti tal-popolazzjoni, transfigurati f’persuna li qiegħda f’kunflitt bejn dak li huwa mistenni u dak li huwa reali. It-tnejn li huma qisu ma’ jistgħux isibu kaptu. U Dustin, qas hu stess ma’ jkun qed jinduna li ħafna mill-problemi tiegħu ġejjin minnu stess.
Fantozzi u Dustin għandhom aspett komuni li jsalvaħhom mill-kriżi tagħhom u dan l-aspett huwa Dostoevskjan. It-tnejn li huma jsibu l-wens fil-familja. Fl-aħħar minn l-aħħar jidher biċ-ċar li l-familja tagħhom hija l-unika ħaġa li għandhom f’ħajjithom li hija purament pożittiva li ma ttijhomx problemi: anzi ittijhom imħabba assoluta u bla kundizzjoni, minkejja li huma t-tnejn qas huma kapaċi jirritornaw dan il-privileġġ.
Leave a Reply