
Il-ġimgħa d-dieħla ser inkun qed inniedi l-ewwel rumanz tiegħi bit-titlu, ĠAĦAN FL-AQWA ŻMIEN.
Allura, għala? Kif u x’fatta?
Ġaħan reġa qam mill-mewt fil-kultura popolari Maltija meta ġie żvelat li l-eks Ministru Edward Żammit Lewis għajjar il-kostitwenti tiegħu Ġaħan f’messaġġi li beda jibgħat lil Yorgen Fenech, akkużat li ken il-mandat tal-qtil ta’ Daġhne Caruana Galizia. Tistgħu issibu t-transkrizzjoni kollha hawn hekk. Żammit Lewis ken qed jalludi ma’ Fenech għal dawk il-Laburisti kollha li jużaw il-vot għal xi pjaċir. L-ironija, iżda hija din: Żammit Lewis jilgħaq lil Yorgen Fenech b’mod kontinwu u saħansitra jgħidlu li jimmisjah u jibqa’ jibgħatlu l-messaġġi anke meta Yorgen ma jirrispondiehx. Għala bed jagħmel heck Żammit Lewis? Minn fejn kienet ġejja din ix-xewqa kbira biex ikollu l-attenzjoni u l-ħin ta’ Yorgen Fenech?
Dak iż-żmien Żammit Lewis ma kienx għadu parti mill-kabinett ta’ Joseph Muscat għar-raġuni li ken wisq inkompotenti biex iżomm portafoll. L-inkompotenza ta’ Żammit Lewis kienet magħrufa ferm wara li ken falla mill jagħmel xi ħaġa bl-Air Malta. Żammit Lewis huwa bniedem tipiku fil-politika Maltija: pompuż, arroganti, mingħalieh jaf ħafna imma jaf ftit li xejn. L-arja tiegħu tiġi għax kif jgħid hu stess, hemm il-Ġaħan li jibqa’ jivvutalu. Żammit Lewis probabli ma riedx biss jixxaħħam mingħand Yorgen Fenech bħal m’għamlet Rosianne Cutajar. Probabli, Żammit Lewis ried xogħol tajjeb ma’ Tumas Group.
Fil-fatt il-politiċi prominent ta’ pajjiżna kollha qed jispiċċaw jaħdmu mal-kuntratturi kbar Maltin hekk kif jispiċċaw mill-politika. Il-korruzzjoni u l-frodi ta’ kif issir il-politika Maltija saret blah mistħija ta’ xejn. Qabel konna nitkażaw għax xi ministru Nazzjonalist imur jiekol maċ-Ċaqnu jew jieħu xi vjaġġ ma’ Żaren għal-logħba football jew fuq il-yacht. Illum, taħt il-Labour, dawn l-affarijiet saru normali. Ftit jiem qabel l-elezzjoni Robert Abela kiel ma’ Joseph Portelli, probabli l-akbar kuntrattur f’pajjzna bħalissa. Mhux għax l-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta għandha xi importanza partikolari – tagħmel biss 5% tal-ekonomija Maltija mal-5% tas-suq tal-propjeta. L-industrija tal-kostruzzjoni hija l-akbar donatur tal-partiti l-kbar, imma ovjament bħalissa jagħtu iktar lil-Labour peress li l-Labour hemm fil-gvern. Dan huwa żwieġ konvenjenti hekk kif il-kuntratturi jistgħu jieħdu li jridu mingħand il-politiċi Maltin u l-politiċi Maltin jistgħu jserħu rashom li ser ikollhom il-fondi għall-partit tagħhom u anke xogħol jekk jispiċċaw mill-politika. Min irid jilgħab imħatra li malli jispiċċa mill-politika, Robert Abela sejjer jaħdem ma’ Joseph Portelli jew inkella ser kun l-ikbar klijent tiegħu? L-istorja nafuha diġa. Illum Joseph Portelli huwa supporter kbir ta’ Joseph Muscat.
Il-konsegwenza ta’ dan iż-żwieġ maħmuġ? Oħroġ barra u ħares lejn kif qed ibidlu Malta. Imma mhux biss għax hemm ħafna bini, imma għax il-bini li jibnu huwa ikrah u bl-addoċċ. U minn fuq, għali ħafna. Ippjanar? 0. Robert Musumeci laħquh alla tal-ippjanar u għaffeġ pajjiż. Saħansitra mietu n-nies bin-nuqqas ta’ regoli u l-liġi tal-ġungla bħal meta sfrondaw lil Miriam Pace f’darha stress fil-Ħamrun. U l-poplu? Eh, il-poplu.
Il-poplu huwa maqsum u dejjem qed jinqasam iktar. Qabel kellna distinzjoni ta’ ideoloġiji li minkejja d-differenzi politiċi stajna naqblu flimkien fuq ċertu affarijiet baċiżi. Illum qed nitilfu ankle l-konsensus fuq l-affarijiet bażiċi. Il-Partit Laburista jinstab tant f’pożizzjoni b’saħħtu politikament li l-mexxejja u l-politiċi tiegħu telgħalhom għal rashom u mingħalijhom li jistgħu jagħmlu li jridu. Bħal eżempju tikri biċċa showroom tal-kmamar tal-banju li hi abbandunata għal 31 miljun Ewro, jew inkella tagħti permess lil Joseph Portelli biex fuq art agrikola jibnielek villa bil-pool. Nistgħu nibqgħu sejrin. Imma dawn mhumiex azzjonijiet ta’ waħda l’hawn u l’hemm. Illum, il-Labour għandu problema endemika ta’ korruzzjoni u awtoritarjaniżmu kbir u ser nibqgħu naraw pajjiżna jitfotta bil-korruzzjoni u l-bini bl-addoċċ. B’hekk m’hemmx sorpriżi għala l-Labour mhuwiex interessat li jara li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, ħataf l-istituzzjonijiet kollha u jipproteġi lil niesu li human korrotti. Il-politiċi Laburisti ma jinteressaħhomx, la mill-pajjiż u l’anqas minnek: moħħhom mistrieħ li ser jibqgħu fil-gvern u jekk ma jibqgħux fil-gvern, hemm Joseph Portelli għalihom.
Pajjiżna bħalissa mhuwiex maqsum bejn xellug u lemin bħal ma konna qabel. Bħalissa pajjiżna huwa maqsum bejn min ma jinteressah xejn fuq pajjiżu u b’hekk m’għandux problema jara l-Labour iħarbat pajjiż għax qiegħed moqdi, u hemm in-nofs l-ieħor li jrid jara pajjiż normali. Pajjiż li ma jkollux politiċi korrotti li jagħmlu li jridu bl-istituzzjonijiet Maltin. Pajjiż blah ċensura u liberta tal-kelma mhux kulħadd jibża’ jitkellem għax inkella l-gvern jaqtagħlek il-kuntratt jew ix-xogħol. Pajjiż li jeżiżti l-ippjanar intelliġenti li permezz tiegħu insebbħu l-pajjiż u mhux inkomplu inħarbtuh. Bħalissa pajjiżna huwa maqsum bejn dawk li ma jaraw xejn ħażin fil-ħażen ta’ min imexxi, u dawk li jridu pajjiż immexxi minn direzzjoni politika u mhux mill-ħażen u l-korruzzjoni. Din hija differenza li ma tistax tingħaqad u b’hekk ma jistax ikun hem għaqda nazzjonali. Jiġifieri mhuwiex tort tat-tradituri li jmorru jitkellmu fi Brussell bħal ma tgħid il-propoganda frodulenti tal-Labour. Il-problema hi li għandna gvern ħażin li qed jifred il-pajjiż u jaljena n-nies mill-politika. Għalhekk in-nies qed jispiċċaw ma jivvutawx għax fil-politika qed jaraw kollox ħażin.
Ovjament, sitwazzjoni bħal din tiġi minn apatija kbira ta’ ħafna nines li ma jaraw xejn ħażin li pajjiżhom qed jinqered. Dan huwa il-Ġaħaniżmu kontemporanju. Illum, Ġaħan m’hemmx għalfejn jiġbed il-bieb t’ommu biex jesebixxi injoranza kbira. Illum, Ġaħan biex jesebixxi injoranza kbira jista’ jibqa’ bilqiegħda u ma jagħmel xejn waqt li jisirquh f’wiċċu u l-politiċi li jisirquh iċapċilhom: bħal Dustin fir-rumanz tiegħi. Anzi, Dustin mhux iċapċpilhom biss, imma saħansitra jerdgħalhom it-toqba ta’ sormhom. Dustin huwa x-xempju tal-Ġaħan t’illum: kollox jgħodd. Mhux xorta? L-aqwa li dieħla l-paga. Anzi jista’ jiġri li jrid għax l-aqwa li tidħol il-paga. Ovjament, din l-apatija hija rappreżentata f’suritu u mhijiex kumbinazzjoni li Malta għandha l-għola rata ta’ obeżita fl-Ewropa.
Hija sitwazzjoni tassew traġika, u anke tal-biki jekk kun tħobb lil pajjiżek. Biex nissoppravivu dan id-dlam tal-lum, hem bżonn nidħqu ftit. Is-satira huwa mezz sabiħ biex tidħaq u tiddeverti u fl-istess ħin hija anke mod tajjeb biex twassal messaġġ politiku. Dan ir-rumanz bla dubju huwa rumanz politiku. Ġaħan minn dejjem kien politiku. L-injoranza ta’ Ġaħan dejjem kienet riflessjoni tal-istat mentali tal-poplu ta’ żmienu. Fl-istess ħin, il-Ġaħan tal-lum hwua xi ftit iktar intelliġenti mill-Ġaħan ta’ qabel. Kbirna u tgħallimna u b’hekk Ġaħan bl-intelliġenza tiegħu jista’ ibiddel l-affarijiet jekk irid. Jista’ jbiddel lilu nnifsu wkoll u jekk ibiddel lilu nnifsu ikun jista’ jibdel il-pajjiżu wkoll.
Fir-rumanz tiegħi nidħol fid-dinja Maltija b’mod satiriku. Din mhijiex ser tkun l-ewwel darba. Ħadt ghost niktbu l-Ġaħan. U probabli ser nikteb iktar. L-istorja ta’ Ġaħan għadha qed tibda.
Leave a Reply