Għeżież ħbieb, kittieba pbblikaturi
Illum ser naqsam magħkom il-pożizzjoni uffiċjali tiegħi fuq il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb liema hi l-istess pożizzjoni li ħa nressaq fil-Kungress Nazzjonali tal-Ktieb li jmiss. Din il-pożizzjoni qed issir f’forma ta’ protest ġudizzjarju li eventwalment ħa jiżvilluppa f’każ il-qorti wkoll.
Ċarament, il-ligi tal-Kunsill tal-Ktieb tistipula li l-Gvern irid jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-awturi fil-Kungress Nazzjonali tal-Ktieb. Id-deċizjoni tal-awturi fl-aħħar Kungress Nazzjonali tal-Ktieb kienet li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jiġi elett b’mod demokratiku. Din id-deċiżoni ttieħdet b’kunsens unanimu.
Kif qed nispjega hawn hekk stess b’mod dettaljat, il-Ministru Justyne Caruana u s-Segretarju Permanenti tagħha Frank Fabri kisru l-ligi tal-Kunsill tal-Ktieb meta ħatru l-Kunsill mingħajr ebda konsiderazzjoni ta xejn għad-deċiżjoni li ħadu l-kittieba fil-Kungress Nazzjonali tal-Ktieb.
B’hekk, jien qed nitlob lill-Kap Eżekuttiv il-gdid tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sabiex jirriżenja, flimkien mal-membri l-oħra tal-Kunsill, u jibdew diskussjonijiet bejn l-istakeholders tal-Kunsill kif stiupat bil-liġi, sabiex jinħoloq Kunsill interim u tissejjaħ elezzjoni.
Grazzi u tislijiet
Mark Camilleri
Kittieb u Pubblikatur
Eks-Kap Ezekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili
Mark Camilleri (K.I. 88088M)
kontra
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
U
Il-Ministru tal-Edukazzjoni
U
Il-Prim Ministru
Protest Ġudizzjarju ta’ Mark Camilleri, detentur tal-karta tal-identita’ bin-numru 880088M;
Jesponi bir-rispett:
Illi l-protestant huwa awtur u pubblikatur ai termini tal-artikolu 2 tal-Liġi Sussidjarja 605.12 (vide “Dok. A”) u inoltre huwa wkoll l-eks-president eżekuttiv tal-entita’ protestata, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Illi l-protestant jagħmel referenza għar-regolamenti 6(c), 6(g) u 6(h) tal-Liġi Sussidjarja 605.12 li jistipulaw b’mod univoku illi, il-funzjonijiet u d-dmirijiet1 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jinkludu inter alia, l-organizzar ta’ żewġ laqgħat annwali ta’ konsultazzjoni pubblika ma’ awturi u pubblikaturi, li jikkunsidra u jiddeċiedi dwar talbiet mressqa milll-istess awturi u pubblikaturi u fuq kollox; li jsostni u jassisti awturi u pubblikaturi billi jirrakkomanda miżuri għal u jipproteġi l-interessi tagħhom fuq livell ta’ politika statali;
Illi di piu’, il-protestant jagħmel referenza wkoll għall-fatt illi skond r-regolament 4(1) tal-Liġi Sussidjarja 605.12, l-entita’ protestata għandha tkun waħda awtonoma2 u li tħares l-interessi tal-awturi u tal-pubblikaturi;
Illi in linea mas-surreferit, il-protestant – fil-kapaċita’ tiegħu bħala l-president eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – kien ppreżenta abbozz għal tibdil fil-Liġi Sussidjarja 605.12 lill-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Onor. Justyne Caruana (vide “Dok. A”) u dan wara li saret talba f’dan ir-rigward minn maġġoranza assoluta tal-awturi u pubblikaturi waqt waħda mill-laqgħat annwali organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ai termini tar-regolament 6(g) tal-Liġi Sussidjarja 605.12 – liema laqgħa seħħet nhar d-disgħa w għoxrin (29) ta’ Mejju tas-sena elfejn u wieħed u għoxrin (2021) (vide “Dok. B”);
Illi l-abbozz in kwistjoni kien wieħed intiż sabiex jassigura illi l-bord tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ikun inter alia iktar awtonomu – u b’hekk neċessarjament nieqes minn indħil partiġġjan – u li jkun fuq kollox rappreżentattiv u jgawdi l-fiduċja tal-istakeholders tiegħu, – inkluż bl-appuntar tiegħu permezz ta’ elezzjonijiet ħielsa li fihom jivvutaw l-imsemmija stakeholders – minflok kif inhu appuntat bħalissa u ċioe’ bid-diskrezzjoni assoluta tal-protestanti l-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Prim Ministru;
Illi minkejja dan kollu, l-protestanta Ministru tal-Edukazzjoni injorat kompletament t-talbiet tal-istakeholders in kwistjoni, kif mressqa mill-protestant, u minflok użat d-diskrezzjoni akkordat lilha permezz tal-Liġi Sussidjarja 605.12 sabiex tippromwovi interessi li huma purament u esklussivament partiġġjani minflok ma ħarset l-interessi tal-istakeholders relevanti u ċioe’ l-awturi u tal-pubblikaturi – u b’hekk ttrasgredixxiet l-obbligu li l-bord tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ikun wieħed awtonomu u ħieles minn indħil partiġġjan;
Illi di piu’, l-imsemmija protestanti, l-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Prim Ministru, bl-injorar tar-rakkommandazzjonijiet tal-istakeholders in kwistjoni, naqsu milli jsostnu w jipproteġu l-interessi tal-awturi u l-pubblikaturi fuq livell ta’ politika statali – u għażlu minflok li jsostnu u jipproteġu l-interessi partiġġjani tal-Partit Laburista;
Illi ugwalment, l-bord attwali tal-entita’ protestata l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, ma ħa ebda azzjoni sabiex jattwa r-rakkomandazzjoni surreferita mressqa lill-bord predeċessur mill-awturi u l-pubblikaturi – li jibqa’ validu – u għażel minflok illi jħares u jipproteġi interessi esklussivament partiġġjani tal-politikanti li ħatruh;
Illi di piu’ l-istess bord tal-entita’ protestata l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, huwa wieħed illeġittimu – in kwantu l-membri tiegħu ma inħatrux skond ir-rieda u r-rakkomandazzjonijiet mressqa mill-istakeholders fil-laqgħa seħħet nhar d-disgħa w għoxrin (29) ta’ Mejju tas-sena elfejn u wieħed u għoxrin (2021);
Illi għalhekk l-aġir tal-protestati huwa wieħed abbużiv u jikser id-drittijiet tal-protestant bħala awtur u pubblikatur, kif spjegat;
Illi dan l-aġir abbużiv tal-protestati ħoloq u qed ikompli joħloq preġudizzju serju lill-protestant, b’konsegwenza ta’ liema qiegħed isofri danni;
Għaldaqstant l-protestant, filwaqt li jġib dan kollu a formali konjizzjoni tal-protestati, u filwaqt li jipprotesta kontra dan l-aġir abbużiv tagħhom, qed jinterpellahom sabiex jiddeżistu mill-aġir abbużiv u qed ipoġġihom in dolo, moro et culpa għall-finijiet u effetti kollha tal-liġi u qed iżommhom responsabbli għad-danni kollha li sofra, li qiegħed issofri u li għad jista’ jsofri.
Dan il-protest ġudizzjarju qiegħed jintbagħat inter alia ai termini tal-artiklu 2128 tal-Kodiċi Ċivili (Kap.16 tal-Liġijiet ta’ Malta) u ai termini tal-artiklu 891 tal-Kodiċi ta’ Organizzazjoni u Proċedura Ċivili (Kap.12 tal-Liġijiet ta’ Malta) .
Tant sabiex tagħrfu timxu u tidderieġu ruħkom.
________________________ ________________________
Av. Joseph Mizzi Av. Timothy Spiteri
Muscat Mizzi Advocates
52, Triq l-Ifran, Valletta
1 Enfasi miżjuda
2 Enfasi miżjuda
Leave a Reply