Xiż-żikk qed jiġri?

kisspng-question-mark-computer-icons-exclamation-mark-desk-question-mark-emoji-5b4bb794264216.8330599815316888521567Bħalissa d-dinja għaddejja minn żmien ftit turbulenti hekk kif faqqgħat pandemija tal-virus Covid-19 li aċċellerat ir-reċessjoni ekonomika globali. Kien hemm sinjali kbar li kienu qed jgħidulna li d-dinja dieħla f’reċessjoni ekonomika: it-tibdil fiċ-ċiklu tal-kreditu, id-dejn fl-Amerka u f’pajjiżi fl-Ewropa bħal-Italja li kiber b’mod mhux sostenibbli, il-majnar tal-ekonomija Ċiniża li prattikament ippumpjat it-tkabbir ekonomiku dinji ta’ dawn l-aħħar għoxrin sena u r-reċessjoni ġenerali fl-Ewropa peress li l-Ewropa qisha kienet għadha ma irkupratx mill-kriżi tal-2008 u l-2009. Issa qed naraw l-ekonomija tad-dinja prattikament tingħalaq gradwalment minħabba l-epidemija u r-reċessjoni waslet iktar malajr u iktar vjolenti.

Malta hija ovjament ikkundizzjonata minn forzi esterni ekonomiċi u biex tgħaxxaq, eżatt qabel bdiet tinfirex l-epidemija tal-virus il-ġdid u faqqgħat ir-reċessjoni globali, Malta kienet għadha kemm ħarġet minn waħda mill-akbar kriżijiet politiċi fl-istorja tagħha.

L-isfond tal-kriżi lokali

Taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat, Malta kienet għaddejja minn tkabbir ekonomiku sinifikanti li għal xi żmien kien iktar minn 6%. Kienet rata ta’ tkabbir fenomenali meta tqis minn kif kienet baqgħat għaddejja l-Ewropa, iżda ma’ dan it-tkabbir kibru wkoll il-problemi ambjentali bil-bini bla rażan li żdied ukoll grazzi għal-laxkar ta’ regulazzjonijiet. Kellek ukoll il-problema tal-prezzijiet għoljin tal-propjeta li wassal biex ħafna Maltin spiċċaw jew bla saqaf u ħafna żgħażagħ ma jistgħux jixtru post. Il-korruzzjoni baqgħat għaddejja wkoll u meta faqqgħat il-kwistjoni tal-Panama Papers, persuni fuq ix-xellug bħali li b’xi mod nagħmlu parti mill-istruttura politika tal-gvern u attivisti fil-Partit kellna dilemma.

Muscat kien ħareġ jgħid li Egrant ma kienetx tiegħu u l’anqas ta’ martu u sejjaħ elezzjoni bikrija. Lil Keith Schembri u Konrad Mizzi żammhom u qabeż għalihom u ħafna minnha fil-Partit konna infurjati b’dan. Konna nafu, ovjament, li Schembri u Mizzi kienu involuti f’korruzzjoni kemxejn kbira u għalkemm ma kienx jinteressana ħafna fid-dettall ta’ min eżattament kienet Egrant, uħud minnha konna wkoll ċerti li r-raġuni li Muscat żamm lil Schembri u Mizzi miegħu kien għaliex Muscat kien korrott daqshom jew magħhom. Kienet idea stupida li Schembri u Mizzi kienu indispensabbli, anke jekk kienu korrotti, u tant u hekk, li sezzjoni ta’ nies fil-Partit li kienu qed jirribellaw kienu ġew imwiegħda li wara l-elezzjoni, Schembri ma kienx ser jibqa’ Chief of Staff u kien hemm saħansitra anke isem ta’ persuna imsemmija li kienet ser teħodlu postu. Muscat ma żammx kelmtu.

Meta Muscat kien sejjaħ elezzjoni bikrija, ħafna minna li ma blajnix il-gideb ta’ Muscat, għal kuntrarju ta’ dawk li kienu konvinti li Schembri u Mizzi ma kienu għamlu xejn ħażin, konna rassenjati għall-fatt li l-Prim Ministru kien imdaħħal fil-korruzzjoni ma’ Schembri u Mizzi. Muscat kien sejjaħ elezzjoni bikrija biex juri u jikkonsolida s-saħħa tiegħu u konna nafu li Muscat kien wisq b’saħħtu biex it-tmexxija tiegħu tiġi sfidata fil-Partit. Fl-aħħar minn l-aħħar, it-tkabbir ekonomiku li sar ġab ħafna ġid lil ħafna persuni komuni u Muscat kien ġenwinament maħbub minn ħafna nies għal raġunijiet validi. Muscat kien sar Prim Ministru f’reċessjoni ekonomika li żammet il-maġġoranza tal-ħaddiema fil-prekarjat. Dawk l-apoloġisti ta’ Lawrence Gonzi u l-PN li dejjem jikwotaw ir-rata baxxa tal-qagħad, b’mod konvenjenti jħallu barra ċ-ċifri li juru li l-maġġoranza tal-ħaddiema kienu fil-fatt f’kundizzjonijiet ekonomiċi prekarji. Fejn qabel kważi l-biċċa l-kbira tal-pagi kienu daqs jew inqas minn €15,000 fis-sena, ħafna minnhom dawn bdew jiżdiedu għal €20,000 filwaqt li faxxa kbira ta’ ħaddiema li kienu jiddependu b’€750 fix-xahar f’idhom, beda jkollhom f’idhom €950 u €1,000 minflok. Kellek ukoll miżuri soċjali bħaċ-childcare b’xejn, żidied fil-pensjonijiet u x-xogħol kbir li sar biex terġa titqajjem is-sistema tas-saħħa fuq saqajha. Illum qed ingawdu sistema tas-saħħa li tista’ tiffoka fuq epidemija li waslet issa minflok qed tipprova tlaħħaq ma’ waiting lists ta’ operazzjonijiet ma jispiċċaw qatt. Jien naf min għama peress li dam tliet snin jistenna operazzjoni sempliċi tal-kataretti, imma dawn in-nies fis-soċjeta ftit li xejn kellhom vuċi taħt il-gvern ta’ Gonzi u l-istejjer tagħhom ġew injorati.

Kien hemm fattur importanti ieħor li anke għalija personalment kien importanti ħafna taħt it-tmexxija ta’ Muscat. Muscat appunta numru sostanzjali ta’ żgħażagħ tal-ġenerazzjoni tiegħi f’postijiet fil-gvern u anke fil-Partit, u bejn ħafna minnha, għalkemm ma konniex dejjem naqblu flimkien, kellna ħafna affarijiet u ideat komuni u konna nitkellmu u naħdmu ħafna flimkien. L-istorja tagħna tmur lura għas-snin meta konna norganizzaw l-oppożizzjoni kontra l-gvern ta’ Gonzi. Apparti minn hekk, kien hemm ħafna attvisti ta’ ġenerazzjonijiet eqdem li fil-Partit u fil-gvern ta’ Muscat li kienu qed jagħmlu xogħol sinjinfikanti u dawn ukoll kellhom l-ideat progressivi tagħhom. Joseph Bartolo, l-iSloopy, li miet milhux, kien wieħed minnhom. Għalina, fl-aħħar minn l-aħħar il-Partit Laburista ma kienx Joseph Muscat biss, u għalkemm Joseph Muscat kien il-mexxej, u probabilment korrott, aħna qatt ma konna lesti li nagħtu r-riedni f’idejn l-avversarji tagħna u li tant iġġilidna kontrihom qabel il-Labour daħal fil-gvern.

Fl-aħħar minn l-aħħar l-avversarji tagħna kienu l-istess nies li kien jippersegwitaw lil Alfred Sant talli kien jiġġieled kontra l-korruzzjoni. Il-lista twila ta’ skandli kbar ta’ korruzzjoni taħt il-PN hija storja miktuba u l-mantra tagħhom fuq dan is-suġġett kien aċċettat ukoll: il-korruzzjoni ma fijha xejn ħażin ladarba l-ekonomija sejra tajjeb. Gonzi tilef l-elezzjoni meta din il-mantra ma baqgħatx tanġibbli hekk kif l-ekonomija marret il-baħar. Muscat kien ukoll prodott ta’ din il-kultura, bla dubju. Għalina, l-ġenerazzjoni tiegħi li tant ipprotestajna fit-toroq kontra Gonzi u l-gvern, Simon Busuttil kien jirrappreżenta dak kollu li iġġilidna kontrieh minn żogħżitna: dak il-lagħaqi SDMjan li l-prattika fit-taħwid tibda mill-Kunsill tal-Istudenti, imbagħad jiggradwa mill-universita biex ikompli t-taħwid fuq skala ikbar mal-gvern.

Imbagħad, xi ħadd joqtol lil Daphne Caruana Galizia. Minn dak il-punt, l-affarijiet jibdew jinbidlu iżda għad ma konniex nafu eżattament kif bdew jinbidlu. Xi ħadd kien qabeż il-linja imma ma konniex nafu min. jien kont wieħed minn dawk li ħassejt ċert li Muscat u sħabu, Mizzi u Schembri qatt ma seta’ jkollhom x’jaqsmu mal-qtil tagħha. Kienet tkun xi ħaġa inkredibbilment stupida li toqtol lil Daphne biex taħbi każ ta’ korruzzjoni politika – konna ngħidu. Apparti minn hekk, konna nassumu wkoll li Muscat kien ser jipprova jsolvi l-każ malajr biex ikun jista’ jkompli bl-ambizzjonijiet politiċi tiegħu fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea.

Ir-revelazzjonijiet li bdew joħorġu minn Novembru li għadda, fejn Schembri kien f’kuntatt ma’ Fenech sal-aħħar mumenti tal-arrest tiegħu, l-ittri li provaw iwaħħlu l-qtil fuq Chris Cardona, u l-aħħar waħda li Silvio Valletta, l-eks assistent-kummissarju tal-pulizija li kien jsiefer personalment ma’ Fenech, fost ħafna oħrajn, jagħtu l-impressjoni li kien hemm xi ħadd fil-gvern u/jew mill-OPM li kien qed ifixkel jew jgħatti l-investigazzjonijiet fuq il-qtil ta’ Daphne. Dan dejjem jekk nassumu li Silvio Valletta ma kienx qed jaġixxi waħdu (u li ma kienx double-agent-super-hero 007). Il-fatt li Mizzi, Schembri u Fenech qatt ma ġew mtella’ l-qorti fuq korruzzjoni juri biċ-ċar li l-istituzzjonijiet, inkluż uffiċjali għolja fiċ-ċivil bħal-Avukat Ġenerali u l-pulizija stess fallew milli jagħmlu xogħolhom u saħansitra ikkontribbwixxew għall-atmosfera ta’ impunita. Allura, imbagħad kien qisu li l-mafja ħakmet mhux biss il-gvern iżda anke l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Sa ma qabel qatluha, dawk bħali fil-kamp tax-xellug, qatt ma’ ħadniha bis-serjeta lil Daphne. Taħt il-gvernijiet Nazzjonalisti Daphne ma kienetx tieħu l-korruzzjoni ta’ dak iż-żmien bis-serjeta, imma anke jekk Daphne bdiet tikteb kontra l-korruzzjoni għax kellha konvinzjonijiet politiċi kontra l-Labour, ma konna naraw xejn stramb b’dan l’anqas. Ovjament, kienet klassista, u kienet tumilja n-nies bil-ħxuna tagħhom u l-fattizzi personali tagħhom u ovjament għax kienu Laburisti. Sħabi u jien ma konniex nieħdu għalina personalment bħal ħafna qerrieda tal-parlament u qas biss konna narawha bħala xi ħadd importanti fix-xenarju politiku. Kellha l-ideat tagħha u kienet tiktibhom. U kienet fuq in-naħa l-oħra tal-logħba politika wkoll. Kienet titħallas biex tagħmel il-PR minn Anġlu Xuereb li ried jibni Golf Kors fl-għelieqi tar-Rabat u tikteb kontra l-Moviment Graffitti fl-istess ħin, u kienet tagħmel il-PR ta’ Bertu Mizzi li l-kumpanija tiegħu kienet qed tarmi it-terrapin ta’ Tigne Point fil-baħar ta’ Tas-Sliema. Kienet fl-aħħar minn l-aħħar l-aktar kittieba moqrija fil-pajjiż kollu probabli biss wara Trevor Zahra. U l-blogg tagħha konna naqrawh u ġieli konna insibuh ta’ gost bħal meta kienet fetħet ġlieda kbira ma’ Consuelo Herrera li kienet magħha l-iskola; f’gost u gossip li kien jistimulana b’mod ekwivalenti b’kif Sgarbi kien joqgħod jikkummiedja u joffendi lil kulħadd fuq it-televiżjoni bl-intelliġenza kollha tiegħu. B’daqshekk ma jfissirx li naqbel ma’ Sgarbi jew ma’ Daphne. Fuq dan kollu ma kien hemm xejn spettakolari u kienu affarijiet normali għall-aħħar f’xenarju politiku liberali: offensivi jew mhux. L-attakki li sofriet Daphne mill-faxxisti bħal meta ħarqulha il-bieb tad-dar soffrejnihom aħna wkoll dak iż-żmien. Kien hemm tassew ukoll ħafna rabja eċessiva għal Daphne u din nammetti tirrefletti ħażin fuq il-Partit Laburista, għalkemm minn naħa l-oħra, il-Partitarji Laburista qatt ħadd ma ried jifimhom l’anqas u dejjem ġew ikkundannati ta’ dak li huma milli ta’ dak li jkunu qed jaħsbu fuq dik il-ħaġa speċifika jew mill-attitudni tagħhom.

Daphne bidlet l-istil u t-ton u s-serjeta tal-kitba tagħha bil-gvern ta’ Joseph Muscat. Użat ir-rizorsi u n-networks li akkumulat tul ħajjitha biex tiġġieled kontra gvern li hi kienet taħsbu korrot u fuq hekk kellha raġun biex tbiegħ. U anke għalkemm il-konvinzjoni tagħha setgħat kienet politika, teknikament spiċċa biex xorta kellha raġun fuq il-fatt li l-gvern ta’ Muscat kien korrott, imma mhux hekk biss. Spiċċat maqtula talli kixfet il-korruzzjoni tal-gvern u l-kollaboraturi tiegħu. Minn mewtha irnexxiela tgħeleb lil Muscat u ġġiegħlu jirreżenja – xi ħaġa li ħadd ma seta’ jagħmel qabel. Mara waħidha b’laptop bidlet l-istorja tal-pajjiż b’mod fenomenali u għalhekk biss ħaqqha monument. U fl-aħħar minn l-aħħar huwa veru li storikament huwa iktar importanti dak li għamet Daphne f’dawn l-aħħar ħames snin milli fis-snin ta’ qabel. Żgur, iżda li l-monument u l-wirt ta’ Daphne ser ikun diffiċli li jiġi aċċettat minn sezzjoni wiesa tal-pubbliku jekk il-proponenti tiegħu jkunu nies bħal Manuel Delia jew Jason Azzopardi. In-Nazzjonalisti qatt m’huma ser inaddfu darhom u ħafna minnhom qed jagħmlu użu mill-wirt tagħha biex huma wkoll jgħattu xturhom. Fl-istess ħin, jekk il-Partit Laburista ma jitnaddafx waħda sew mill-elementi kriminali, għandu ċ-ċans li jsir irrelevanti daqs il-Partit Nazzjonalista.

Post-Muscat

Fil-laqgħa infami tal-kabinett tat-28 ta’ Novembru li baqgħat għaddejja sas-sagħtejn ta’ filgħodu, Muscat intalab biex jirreżenja minnufih. Muscat kellu l-maġġoranza tal-ministri miegħu u b’hekk seta’ jibqa’ f’kontroll. Muscat dejjem baqa’ juża l-partitarji Laburisti favurih u kull min jiksiriha minn miegħu seta’ jitlef il-fiduċja tal-membri tal-Partit Laburista, li wara kollox ħafna minnhom kienu għadhom iħobbuh. Il-ġlieda għal xi wħud bħali kienet ċara f’dak il-mument, imma aħna fuq ix-xellug m’aħniex lesti li naqsmu din il-ġlieda ma’ bażużli ta’ Austin Gatt, ovjament. Il-pajjiż u l-istituzzjonijiet ma bdewx jiġu maħkuma mill-klikek kriminali għall-ewwel darba taħt Muscat. Il-bikja ta’ Godfrey Farrugia għand in-Nazzjonalisti hekk wara kif irriżenja mill-Partit Laburista kienet att ta’ flaġellant – l-agħar ħaġa li wieħed jista’ jagħmel fi stat ta’ kriżi. Jekk ma tgħallimna xejn konna, mill-injoranza tagħna, tgħallimna allinqas li x’jiġri x’jiġri, dejjem hemm ġurnata oħra meta nistgħu niġġieldu.

F’dak il-jum infami tal-laqgħa tal-kabinett kien qisu li l-gvern kien maħkum mill-mafja. Yorgen Fenech jidħol f’korruzzjoni ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi bil-patroċinju ta’ Joseph Muscat, Daphne tkun ser tikxifhom u eventwalment tinqatel b’karozza bomba. Hemm mod ieħor iktar sempliċi kif tpoġġiha għala l-pożizzjoni ta’ Muscat ma kienetx tenibbli? Muscat ġie jitnejjek mill-kriżi li kien għaddej minnha l-pajjiż u kien iktar moħħu biex jgħatti xturu u dak ta’ sieħbu Schembri. Grupp ta’ ministri baqgħu jaqbżu għal Muscat sal-aħħaru insistew miegħu biex jibqa’. Muscat kellu l-maġġoranza kemm ġewwa u kemm barra.Xi wħud minn dawn il-ministri li qabżu għal Muscat, illum għadhom ministri imma b’portafoll differenti.

Muscat kien jaf li l-pożizzjoni tiegħu ma kienetx tenibbli imma hu kien għad kellu wisq influwenza fil-partit. Eventwalment, kull min kellu joħroġ għall-mexxej seta’ biss isir mexxej jekk lil Muscat jagħtieh eżitu onorabbli – kif fil-fatt għamel Robert Abela – u dak huwa il-vera patt mxajtan. Kien impossibbli issir mexxej tal-Partit jekk ma tkunx f’termini tajba ma’ Muscat – kieku l-membri ma kienux jivvutawlek. Imma dan konna aċċettajnieh aħna wkoll, li appoġġjajna lil Fearne għat-tellieqa – allinqas aħna konna qed inkunu iktar onesti fil-ħsieb u l-motivazzjonijiet tagħna. B’hekk Muscat baqa’ mexxej u Prim Ministru sakemm issir elezzjoni mill-Partit Laburista għall-mexxej ġdid.

Il-fatt li kienet bdiet it-tellieqa għall-mexxej tal-Partit u Miriam Dalli ma ħarġitx għat-tellieqa kien xi ftit ta’ soljiev għalina li bdejna nappoġġjaw lil Fearne. Dalli kienet il-favorita ta’ Muscat minn xi żmien ilu u Muscat kien jipprova jinvolviha ħafna fix-xogħol tal-Partit biex ikompli jgħolli l-istatura tagħha. Il-fatt li ħareġ Robert Abela għat-tellieqa kien soljiev ukoll. Konna niftakru poll tal-MaltaToday ta’ xi sena ilu fejn lil Abela kien tpoġġa l-aħħar wieħed b’diġitu wieħed biss. F’Fearne rajna tama ġdida għall-pajjiż u bidu ġdid. Wegħdna li ħa jnaddaf il-ħmieġ u l-korruzzjoni u jsolvi l-kriżi nazzjonali fi żmien mitt jum. Wiegħed ukoll li kien ser ibiddel l-Avukat Ġenerali għalkemm m’għamilx hekk b’mod espliċitu u pubblikament. Apparti minn hekk wiegħed numru ta’ riformi soċjali, u kien Laburist li ġej mit-tradizzjoni soċjalista taż-Żgħażagħ Laburisti.

Kien hemm aspett importanti ieħor għala jien appoġġjat lil Fearne. Kien ċar diġa dak iż-żmien li r-reċessjoni ekonomika fid-dinja kienet reġa ġejja, apparti li kien ovju wkoll li Malta ma setgħatx tibqa’ tikber bis-6% u dan in-numru kien ser jerġa jibda jonqos eventwalment. F’reċessjoni ekonomika globali, Malta tintlaqat ħażin ħafna u b’hekk żgur u mhux forsi li min kien ried isir il-Prim Ministru ġdid kellu bżonn perspettiva u għarfien profond ta’ kif taħdem id-dinja. Dalgħodu, l-Federal Reserve ħarġet miżuri ta’ emerġenza fejn fost dawn il-miżuri niżlet ir-rati ta’ interessi għal żero fil-mija u ħarġet $700 Biljun f’għajnuna kwantitattiva biex l-infieq pubbliku tal-Gvern Amerikan jibqa’ għaddej bir-rata tiegħu u u s-suq ma jikkrollax. Il-problemi enormi u strutturali fl-ekonomija dinjija bħalissa qegħdin jiġu solvuti billi xi ħadd fil-bank ċentrali jagħfas buttuna u jżid il-volum tal-flus fis-sistema monetarja. Minkejja dawn il-flus kollha li jiġu ippumpjati fis-sistema monetarja, miljuni ta’ nies jibqgħu bla dar u bla aċċess lejn servizzi bażiċi bħas-saħħa. Qisna qegħdin nerġgħu ngħixu l-kriżi tal-2008-2009 mill-ġdid. Bħalissa għaddejjin minn żminijiet ekonomiċi turbulenti u saħansitra storiċi. Malta, pajjiż żgħir u bla riżorsi naturali, trid tara kif ħa tillapazza x-xogħol f’din is-sistema kapitalista globalizzata ultra-finanzjarja.

B’hekk tistgħu timmaġinaw xi ħsibt hekk kif Robert Abela kien bis-serjeta qed jipprepara biex itellaq għat-tmexxija tal-Partit Laburista. Abela kien persuna li dejjem baqa’ fil-kwinti. Qatt ma’ ħa r-riskji li ħadna sħabi u jien biex nipprovaw immexxu, anke fi gvern korrott, aġenda progressiva. Abela kellu karriera komda b’konsulenzi mill-MEPA u mexa ‘il quddiem bil-biljett ta’ missieru, George; bħal aristokrazija politika. Qisu xi ħadd li daħal mill-filati tal-kriżi politika inkiss inkiss jew bniedem prużuntuż li mexa mar-riħ bħal windsurfer li qed jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu. B’sorpriża enormi,Abela jirnexxielu jagħmel rebħa enormi fuq Fearne u dan probabli wara li Fearne kien għamel numru ta’ gaffes kbar fejn wera nuqqas ta’ gravitas u anke arroganza fid-diskorsi tiegħu. Jien ġejt demoralizzat. Uħud minn sħabi żgħażagħ fil-partit tal-ġenerazzjoni tiegħi u jien komplejna niġu demoralizzati wara kollega tal-ġenerazzjoni tagħna, Randolph Debattista, tkeċċa minn CEO tal-Partit biex ġie mibdul minn persuna qrib ta’ Abela.

Probabli, l-ikbar problema fuq Abela kienet u għadha din: ma nafx x’jemmen u x’jaħseb u xi jrid jagħmel u jien naħseb li r-raġuni hi li għax l’anqas hu stess ma jaf. Forsi inkun provat ħażin u tajjeb għal pajjiżna kieku. Tajjeb ferm, li meta tqis li teżiżti evidenza ċara li Mizzi u Schembri kienu korrotti, dawn jittellgħu l-qorti. Tajjeb ferm jekk l-assi ta’ Fenech jiġu friżati u jibdew jinħarġu wkoll akkużi fuq artikli ta’ terroriżmu ladarba dan seta kien involut f’att ta’ korruzzjoni u uża l-assi tiegħu biex jikkommetti dak li probabli huwa att terroristiku. Tajjeb ferm ukoll jekk l-Economic Crimes Unit jibda jagħmel xogħlu. Tajjeb ferm ukoll li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jibda jammetti li hemm problemi serji fuq dawn il-kwistjonijiet u fuq id-danni ekonomiċi li jħalli r-rent-seeking. Tajjeb ukoll jekk Joseph Muscat jiġi investigat għax ħadd m’hu iktar għola mil-liġi, imma tajjeb ukoll li jiġu investigati anke skandli ta’ korruzzjoni li huma involuti fihom Ministri Nazzjonalisti għax fl-aħħar minn l-aħħar mhux Schembri u Mizzi biss kellhom kontijiet moħbija barra minn Malta imma anke Austin Gatt, Ninu Żammit, John Dalli u Michael Falzon. Kull min jgħidlek li l-pulizija jagħmlu xogħolhom mingħajr indħil politiku u ma nistax jikkumenta qed jigdeb u probabli qed jigdeb b’intenzjoni malizzjuża. L-evidenza tal-korruzzjoni ta’ Schembri u Mizzi hija ċara u m’hemx għalfejn tkun ġenju. Li l-pulizija ma aġixxewx meta kellhom jaġixxu huwa fatt loġiku – m’hemmx ma’ fejn iddur magħha.

Il-kunċett ta’ Hannah Arendt: il-banalita tal-ħażen jispjega perfettament is-sitwazzjoni politika ta’ dawk il-ministri li fit-28 ta’ Novembru baqgħu jappoġġjaw u jaqbżu għal Muscat. In-Nazzizti li ġew prosekutati fil-każijiet ta’ Nuremburgu iddefendew lilhom infushom billi qalu li huma kienu biss qed jobdu l-ordinijiet minn ta’ fuqhom – il-banalita tal-ħażen – meta inti ma tieħux responsabbilta tal-azzjonijiet tiegħek għas-sempliċi raġuni li tiċħad lilek innifsek l-aġenzija u l-possibbilta li tiddeċiedi għalik innifsek. Ovjament, il-lagħqiżmu u s-serviliżmu mhuwiex skuża għall-atti kriminali. Fuq skala żgħira u lokali, din hija l-istess skuża li Michael Falzon (tal-Labour) ġab meta lil Mark Gafferna tah palazz fil-Belt b’xejn – jien ma kont qed nagħmel xejn ħażin, jien sempliċiment kont qed nimxi mas-sistema u dak li talbu minni dawk ta’ fuqi. Illum, dan Michael Falzon huwa ministru (b’portafoll differenti). U hija wkoll il-banalita tal-ħażen li qed titkellem kull darba li xi ħadd iġib skuża għala Schembri u Mizzi qatt ma ġew imressqa il-qorti fuq korruzzjoni.

Lli kieku il-pulizija qed tagħmel xogħolha mhux ilha li resqet parata ta’ politiċi l-qorti. Nafu li l-pulizija mhux tagħmel xogħolha għax għadha qatt ma saret ġustizzja fuq korruzzjoni politika. Iva, vera, hemm min fil-pulizija jagħmel xogħlu sew bħalissa. Iva, vera, hemm min b’mod ġenwin qed jaħdem ħafna fuq il-każ ta’ Daphne u jrid jsolvieh. Hemm min ukoll fil-pulizija li apparti li għandu edukazzjoni għolja u integrita kbira, ġie skarzat minflok ġie mgħoti l-possibbilta li jaħdem u jikkontribbwixxi għall-korp tal-pulizija u s-soċjeta. U r-revelazzjonijiet ta’ Silvio Valletta jiftħu l-probabilta li l-pulizija hija infiltrata b’mod profond mill-mafja u organizazzjonijiet kriminali.

Għadu jibda. Tieh ċans. Imma mill-ġdid. Il-problema hi li s’issa għadna m’għandna l-ebda idea vaga ta’ x’jemmen u x’jaħseb Abela. L-unika ħaġa li jien ċert fuq Abela huwa li hu makkak, imma anke b’dan it-talent qed jiżbalja hekk kif bil-mod ippronuċja ruħhu fuq il-krizi tal-pandemija tas-C-19. Meta Abela kien qal li s-C19 mhuwiex il-pesta u m’għandnix għalfejn ninkwetaw u lanqas inħassru l-vjaġġi bejn Malta u l-Italja, l-għada kellu jkun ftit iktar umli u jisma mill-esperti. Reċentament Abela ta x’jifhem li beda jiġġieled kontra l-eventwalita li l-esperti jitolbuh jagħlaq il-pajjiż meta qal li għeluq bħal dan ikun agħar mill-pandemija innifsha. Abela qed jagħti l-impressjoni li għadu mhux jifhem il-kuntest tal-irwol tiegħu ta’ kap ta’ gvern u għadu qed jirraġuna bil-mentalita ta’ sindku.

Ovjament, jien ma nifhimx fl-epidemiji. Nifhem iżda, b’mod emperiku u sempliċi li l-epidemija qed tinferex b’mod esponenzjali u tista’ tkun ta’ periklu għal min hu fiżikament vulnerabbli. Ma nafx kif għandu jiġi mrażżan dan il-virus, u inħalli f’ifdejn l-esperti biex jagħtu s-soluzzjonijiet, imma naf ukoll li tkun irresponsabbilta kbira li nieħdu riskji fuq xi ħaġa li ma nafux eżatt x’inhi u ma nafux kif ħa tiżvilluppa. B’kif ippronuċja ruħu Abela fuq il-kriżi tal-epidemija qisu qiegħed jagħti x’jifhem li lest jieħu riskji għax mhux jifhem eżattament l-estent tal-periklu s-sitwazzjoni. U dawn kienu eżattament l-preokuppazzjonijiet tiegħi għala Abela m’għandux isir il-Prim Ministru il-ġdid għax m’għandux il-profondita biex jifhem il-komplessita tal-problemi enormi li potenzjalment nistgħu niffaċċjaw f’dawn iż-żminijiet turbulenti. Jien nippretendi li jekk hemm bżonn isir għeluq tal-pajjiż, dan l-għeluq għandu jsir u l-kap tal-gvern għandu jieħu l-aħjar soluzzjoni għal ġid tal-pajjiż, irrespettivmanet kif ser jidher politikament minn għajnejn il-votant. Forsi qed nitlob wisq.

Forsi m’għandix raġun ukoll, u forsi Robert Abela eventwalment jagħmel colpo di scena memorabbli u storiku: jkisser ir-rent-seeking u l-korruzzjoni, jitfa lil Keith Schembri l-ħabs (jew kif inħobbu ngħidu bir-realpolitik, “nagħmlu riformi biex inħallu l-pulizija jagħmlu xogħolhom sew”), jagħmel bidliet strutturali kbar fl-ekonomija, jimplimenta miżuri soċjali u jgħolli l-batut, u jbiddel lil pajjiżna f’soċjeta ultra-moderna fejn l-ambjent hu konservat, is-servizz pubbliku huwa eċċezzjonali, l-ispazji miftuħa jiżdiedu u l-kultura, l-arti u l-letteratura tikber u titkattar u tesporta b’mod profuż. Forsi fl-aħħar minn l-aħħar min jien biex nagħmel dawn il-ġudizzji kollha? Forsi Abela jaf jippompja ġid u ġustizzja fil-pajjiż daqskemm ippompja muskoli fl-eta ta’ żgħożitu – tant l-aħjar.

Ma tantx jien ottimist sa barra, imma l-ġlieda tissokta. Jekk ma jkunx Robert Abela li jmexxi l-bidliet u r-riformi neċessarji fil-pajjiz, jista’ jkun xi ħaddieħor. Il-bidliet kbar li jridu jsiru fil-pajjiż ma jistgħux jistennew ħafna l’anqas. Litteralment qed imutu n-nies bit-taħwid u l-impunita li hawn fil-pajjiż. Ġimgħa u nofs ilhu mietet mara mirduma fid-dar tagħha stess hekk kif ħdejha kien qed isir tħaffir b’makkinarju kbir. Sandro Chetcuti u l-lobby tal-kostruzzjoni li xtraw il-Partit Laburista bid-donazzjonijiet tagħhom qed jagħmlu ħerba mill-pajjiz u mis-soċjeta. Il-gvern qas hu nieqes mir-rent-seekers u l-merċenarji. Robert Musumeci, li kiteb l-poliitika tal-Awtorita tal-Ippjanar, liema politika imbagħad gawda minnha personalment għadu jikteb il-liġijiet għall-gvern. B’mod assolutament assurd, Robert Musumeci, dan l-aħħar kien involut fil-liġi tad-dekriminalizazzjoni tal-prostituzzjoni. Ħlief għall-fatt li Robert Musumeci kien il-qaħba ta’ Joseph Muscat, ma nafux x’għandu x’jaqsam mal-prostituzzjoni u xi kwalifiki u relazzjoni għandu ma’ dan is-suġġett.

Jiġifieri xiż-żikk qed jiġri, fil-verita ma nafx biċ-ċertezza, imma naf biċ-ċert li s-sitwazzjoni mhux tajba – mhux tajba mill-aspett ta’ gvern, istituzzjonijiet, ekonomija u ġustizzja. Is-sitwazzjoni globali mhux tajba l’anqas. Hemm ċans li negħlbu dawn l-isfidi? Ovjament, iva imma l-affarijiet qatt ma kienu faċli.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s