Stqarrija – Front Kontra ċ-Ċensura – 04/03/2017

L-Abbozz dwar il-Midja u l-Malafama jaqbeż numru ta’ linji ħomor

Il-Front Kontra ċ-Ċensura qiegħed jerġa’ jiġi kostitwit wara li l-Gvern ħareġ b’abbozz li jaqbeż numru ta’ linji ħomor fejn tidħol il-libertà tal-espressjoni. Għalkemm l-Abbozz dwar il-Midja u l-Malafama jagħmel xi titjib fejn tidħol is-sitwazzjoni tal-lum, dan qiegħed jagħmel ukoll numru ta’ passi lura. Il-Gvern qiegħed jimponi tibdil li jmur kontra l-ispirtu tal-manifest elettorali tiegħu fejn tidħol it-tneħħija taċ-ċensura.

Waqt li l-Front jilqa’ t-tneħħija tal-libell oxxen u t-tneħħija tas-sekwestri fil-każijiet ta’ libell, jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fid-danni għal-libell ċivili u l-fatt li dan l-abbozz falla għal kollox milli jimplementa t-tneħħija tal-libell kriminali. Il-Front mhuwiex kuntent lanqas dwar ir-reġistrazzjoni tas-servizzi tal-aħbarijiet, ir-restrizzjonijiet il-ġodda fuq il-protezzjoni tas-sorsi, u l-fatt li ma tneħħewx il-liġijiet li jipproteġu l-President minn kull kritika. Il-ħsibijiet dettaljati tal-Front dwar dawn il-kwistjonijiet jidhru aktar ‘l isfel f’din l-istqarrija.

Il-Front jixtieq iħabbar ukoll li qiegħed jilqa’ l-fatt li l-Gvern jidher li lest isewwi dan l-abbozz, iżda fl-istess ħin irid ifakkar lill-Gvern li l-Front mhux lest jagħmel kompromessi fuq punti ta’ prinċipju.

Il-Ħsibijiet tal-Front dwar l-Abbozz

1) Il-Front jilqa’ b’sodisfazzjon it-tneħħija tal-libell oxxen (artikolu 7 tal-Ligi tal-Istampa). Taħt din il-liġi, min jinstab ħati li kiteb ħwejjeġ li joffendu l-morali pubblika jew id-deċenza seta’ jiġi immultat jew jispiċċa saħansitra tliet xhur ħabs. Minħabba l-ambigwità tagħha, din il-liġi ġiet użata fil-passat bħala mezz ta’ repressjoni artistika u għaldaqstant it-tneħħija tagħha hija pass pożittiv. Dan jingħaqad ma’ passi siewja li diġà ttieħdu u li kien saħaq fuqhom il-Front, bħat-tneħħija taċ-ċensura fuq it-teatru, it-tneħħija tal-liġi kontra l-vilifikazzjoni tar-reliġjon u l-bidla tal-liġi kontra l-pornografija ġħal waħda kontra l-pornografija estrema. Wieħed jista’ jgħid li b’dan ġie żarmat ir-reġim taċ-ċensura artistika.

2) Il-Front jilqa’ ukoll b’sodisfazzjoni it-tneħħija tal-mandati ta’ sekwestru fejn huma involuti d-danni li jistgħu jintrebħu f’każ ta’ libell (artikolu 26, subartikolu 6 tal-abbozz). Fil-fehma tal-Front, din il-miżura kienet forma ta’ abbuż legali għaliex is-sekwestru seta’ jintuża bħala forma ta’ theddida fuq l-għajxien ta’ kull ġurnalist, u dan mingħajr ma tkun ġiet aċċertata l-ħtija tal-ġurnalist stess. F’din l-għamla s-sekwestru ma seta’ jkollu l-ebda effett ieħor ħlief li jnissel il-biża’ fil-ġurnalisti li jirrappurtaw ċertu aħbarijiet, bi ħsara kbira fuq ir-rwol li għandha l-istampa biex tiżgura l-kontabbilità ta’ min qiegħed f’pożizzjoni ta’ poter.

3) Il-Front jikkundanna l-fatt li d-danni fejn jidħol il-libell ċivili sejrin jitilgħu minn €11,646.87 għal €20,000 (artikolu 9 tal-abbozz). Il-Front iħoss li dawn id-danni huma eżaġerati u li l-ħarsien tar-reputazzjoni ta’ individwu li jisfa’ fil-mira tal-istampa irid jiġi dejjem bilanċjat mal-ġid pubbliku li joħroġ minn stampa ħielsa. L-ammont ta’ dawn id-danni jista’ mhux biss iwassal sabiex il-gazzetti jibqgħu lura milli jippubblikaw ċertu aħbarijiet, iżda sabiex issir ħsara finanzjarja kbira lill-istampa indipendenti b’tali mod li din ikollha tagħlaq il-bibien tagħha b’detriment għall-pubbliku.

Il-Front jinnota li meta żdiedu l-ammonti tad-danni ma sar l-ebda sforz sabiex dawn ikunu proporzjonali mal-mezzi tal-organu tal-istampa fil-kwistjoni. Għaldaqstant din il-liġi hija waħda klassista li sejra twassal sabiex il-libertà tal-espressjoni ssir il-privileġġ esklussiv ta’ dawk l-organi li huma ffinanzjati tajjeb u li jifilħu jaqilgħu dawn il-ġrieħi, għad-detriment tal-pluraliżmu u d-demokrazija. Il-Front iqis ukoll li ma ntwera bl-ebda mod li l-qliegh tal-istampa f’dawn l-aħħar snin żdied b’mod proporzjonali ma’ din iż-żieda fid-danni. Minghajr dan ma jiġi pruvat, l-argument li hemm bżonn ‘aġġornament’ fil-valur tad-danni ma jagħmel l-ebda sens, sakemm l-intenzjoni m’hix dik li l-liġi tiħrax aktar minn qabel.

Il-Front iqis ukoll li l-aħħar parti tal-artikolu 9 tal-abbozz — fejn jingħad li jistgħu jingħataw ukoll “danni taħt kwalunkwe liġi li tkun fis-seħħ fir-rigward ta’ telf reali inkluż telf ta’ qligħ” — hija waħda perikoluża. Fil-fehma tagħna l-għan ta’ dan il-provvediment mhux ċar. Il-fatt li ġie inkluż taħt subartikolu 9 jindika li l-għan tiegħu huwa differenti minn dak tal-libell kummerċjali, u huwa intiż sabiex jagħti danni li jmorru lil hinn minn dawk għad-diffamazzjoni nnifisha. Tajjeb li wieħed jgħid li t-“telf ta’ qligħ” huwa biss telf potenzjali u li fil-verità la jista’ jiġi kwantifikat u lanqas attribwit b’xi ċertezza għad-diffamazzjoni nnifisha – xi ħaġa li tista’ twassal għall-abbuż. Fuq kollox iżda, mhux ċar għalfejn dan kollu qiegħed jissemma f’artikolu 9 tal-abbozz, ladarba imbagħad tissemma li dawn id-danni jingħataw taħt liġijiet oħra.

4) Il-Front m’hu xejn sodisfatt bir-riforma fil-libell kriminali. Dan għaliex l-artikolu li jirregola d-diffamazzjoni kriminali (artikolu 252 tal-Kodiċi Kriminali) mhux sejjer jitneħħa. Minflok dan qiegħed jiġi emendat b’mod konfuż għall-aħħar (artikolu 25, subartikolu (d) tal-abbozz).

L-ewwel osservazzjoni tal-Front hija li dan ir-reat sejjer jibqa’ japplika fis-sustanza tiegħu, u min jinstab ħati jista’ xorta waħda jiġi immultat u jeħel sa tliet xhur ħabs.

It-tieni osservazzjoni hi li għalkemm l-emenda tneħħi ir-reat ta’ diffamazzjoni meta dan isir bil-“kitba, dinsinji jew xi mod ieħor”, din sejra tħallih meta dan isir bi “kliem, b’ġesti, b’insulti jew xi mod ieħor”. Jekk l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jneħħi dan ir-reat meta jsir bil-kitba u jżommu meta jsir bil-fomm, dan ma rnexxiex fl-intenzjoni tiegħu ghaliex b’ “xi mod ieħor” tinkludi ukoll diffamazjoni meta din issir permess tal-istampa.

It-tielet osservazzjoni hi li bit-tibdil li qiegħed jiġi propost, il-leġiżlatur qiegħed ukoll imur lil hinn mil-liġi kif inhi llum. Dan qiegħed isir billi tiġi inkluża il-kelma ‘insulti’ fil-modi li jridu jiġu ikkunsidrati meta l-Maġistrat jew l-Imħallef iqis jekk saritx id-diffamazzjoni kriminali. Tajjeb li wieħed jinnota li ‘insulti’ huma ‘kliem’ ukoll, u li din iż-żieda kienet tkun żejda li kieku i-leġiżlatur ma riedx jagħti importanza speċjali lil dan il-mod kif tista’ titwettaq diffamazzjoni kriminali. Il-Front jemmen li din iż-żieda kienet waħda żgwidata u sejra twassal sabiex ir-reat ta’ diffamazzjoni kriminali jibda japplika għall-forom ġodda ta’ espressjoni li ma kienux jaqgħu taħt ir-reat li għandna llum.

Il-Front jixtieq itemm dwar din il-kwistjoni billi jgħid li ma jara ebda sens fl-idea li l-libelli fl-istampa jiġu trattati ċivilment waqt li tintuża liġi kriminali meta d-diffamazzjoni ssir bil-fomm. Dan l-arranġament mhux konsistenti u huwa kkumplikat iżżejjed, u jista’ jiġi simplifikat billi jkun hemm liġi waħda ta’ diffamazzjoni ċivili li tiġbor iż-żewġ każijiet taħtha.

5) Il-Front ma jaqbilx ukoll mal-fatt li l-edituri ta’ siti elettroniċi għandhom jirreġistraw mal-Gvern (artikolu 29, subartikolu 2 tal-abbozz). Dan minħabba l-fatt li id-definizzjoni ta’ sit elettroniku hija ambigwa u wiesgħa wisq. Infatti din tinkludi ukoll “kwaluknwe servizz ieħor relatat mal-aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti”, u b’hekk tista’ twassal sabiex individwi b’sit elettroniku li jaqsmu l-opinjoni tagħhom fuq l-internet jispiċċaw jiġu mmultati sa €1,000 ghaliex dawn ma rreġistrawx ruħhom. Huwa diffiċli temmen li l-leġiżlatur kellu din l-intenzjoni, u wieħed għandu joqgħod attent li ma jispiċċax ipoġġi tfixkil finanzjarju għad-dritt tal-espressjoni ħielsa fuq l-Internet.

Il-Front ma jaqbilx ukoll mal-fatt li l-protezzjoni tas-sorsi għandha tapplika biss għal servizzi ta’ aħbarijiet li jirreġistraw ruħhom u għall-ġurnalisti li abitwalment jipprattikaw din il-professjoni fuq bażi full-time jew part-time (artikolu (21) subartikolu (2)). Għal dan inħossu li hemm tliet raġunijiet. L-ewwel raġuni hija li l-użu ta’ sorsi jista’ ikun importanti għall-kategoriji ta’ nies oħra barra dawk imsemmija – ngħidu aħna attivisti jew ġurnalisti-ċittadini. It-tieni, il-mod kif qiegħed jiġi mrażżan dan id-dritt mhux konsistenti mal-importanza u l-protezzjoni li qiegħda tingħata lilu minn artikolu (21) subartikolu (1) tal-abbozz. It-tielet raġuni hija li l-Qrati taw definizzjoni wiesgħa ħafna ta’ min jikwalifika bħala ġurnalist u fl-opinjoni tagħna hawnhekk qiegħed isir attentat żgwidat sabiex jiżdiedu r-restrizzjonijiet fuq dan id-dritt.

6) Il-Front jinnota li l-artikolu 72 tal-Kodiċi Kriminali, li jikkastiga lil min juri nuqqas ta’ qima lejn il-President qiegħed jiġi mibdul minn dan l-abbozz (artiklu 25, sub artiklu (b)). Il-Front ma jistax jifhem għala ma ttieħdetx din l-opportunità sabiex dan ir-reat jitneħħa għal kollox. Anki fil-forma aktar mansa li qiegħed jipproponi dan l-abbozz, dan ir-reat jibqa’ anakroniżmu li mhux kompatibbli mal-liberta’ tal-espressjoni. Ma jistax ikun li persuna għadha tista’ tiġi mmultata jew mibgħuta bejn xahar u tliet xhur ħabs sempliċement għaliex ma tapprovax għemil il-President. F’Repubblika fejn iċ-ċittadini huma kollha l-istess quddiem il-liġi. Il-President ma jista’ jistenna l-ebda protezzjoni mill-kritika, speċjalment la darba dan huwa ħieles li jieħu pożizzjonijiet politiċi u jmexxi ‘il quddiem kawżi li jsibu l-favur tiegħu.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s